Qari għall-Ġimgħa tat-18 ta’ Lulju, 2010 Silta mill-kitba ta’ Laurence Freeman OSB, “The Now of Loving,” THE SELFLESS SELF (London: Darton, Longman, Todd, 1993), pp. 36-37.
Sakemm tibqa’ taħseb li tista’ timmedita b’kemm tgħaddi jew biżżejjed biex takkwista xi ħaġa, tkun għadek ma bdejtx timmedita. Meta tintebah li bdejt mixja li se tibqa’ sejra sal-mewt, tkun bdejt titgħallem. Dak il-mument li fih tintebah u taċċetta nsejħulu impenn. Huwa mument ta’ grazzja u għarfien, għax fih ikollna esperjenza tat-tifsira vera tagħna u nirrealizzaw il-ħtieġa tat-talb għall-milja tal-ħajja. Nimmeditaw mhux biex nindunaw għalfejn qed ngħixu, imma biex ngħixu b’mod differenti, biex ngħixu l-milja tal-ħajja. ( ... )
Il-meditazzjoni hi esperjenza ta’ tagħlim, jew ‘dixxiplina’. Id-dixxiplina biss tgħallimna l-verita’ u l-prattika biss twassalna għall-qawmien. Id-dixxiplina tal-meditazzjoni hija skola. Hi skola ta’ mħabba, u l-maturita’ tagħna f’din l-iskola hija maturita’ fid-dixxipulat veru tal-imħabba. Tgħallimna dak li għandna nkunu nafu, naraw bl-għajnejn ta’ qalbna, ngħixu miċ-ċentru tagħna, nilqgħu b’kull parti tal-eżistenza tagħna. Tgħallimna dak li hu meħtieġ biex inwettqu d-destin aħħari ta’ kull bniedem, li jkun dak li hu tassew għall-eternita’. Id-destin tal-bniedem huwa l-ħajja ta’ dejjem...Ħafna minna jibdew jimmeditaw meta jkunu bdew joqogħdu fil-ħajja li tintemm. U jkunu ndunaw ukoll li qegħdin fl-iżball!
Faċli toqgħod għall-ħajja li tgħaddi għax fiha ħafna lqugħ ta’ protezzjoni. Tidher bla perikli u żgura…imma l-ikbar sfida hija li tgħix għal dejjem, li twieġeb għall-verita’ aħħarija dwar l-eżistenza, l-identita’ u l-mewt. Li tirrealizza li aħna maħluqin għall-eternita’ tmur lil hinn minn kull immaġinazzjoni ... għax din tgħodd kemm għall-ħajja li għad trid tiġi u wkoll il-milja tal-ħajja t’issa. U li tgħix il-milja tal-ħajja titlob minna kollox f’kull mument. Mhux ta’ b’xejn li nwaqqgħu l-kobor ta’ dan kollu u ntellgħu l-ilqugħ li jipproteġina...imma l-ħajja hi aqwa mill-beżgħat tagħna...li tgħix għal dejjem tfisser tgħix il-milja tal-mument preżenti. L-eternita’ hija l-mument ta’ issa li jibqa’ għal dejjem, u aħna u nitgħallmu ngħixu eternament fil-preżent, nitgħallmu l-verita’ fuq l-imħabba.
Immedita għal 30 minuta. ...
Ftakar: Oqgħod bilqiegħda. Ibqa’ dritt u tiċċaqlaqx. Agħlaq għajnejk. Żomm ruħek rilassat mingħajr telqa. Fis-skiet, f’qalbek, ibda lissen kelma waħda. Nirrakkomandaw it-talba-frażi “Maranatha”. Għidha bħala erba’ sillabi ndaqs. Ismagħha int u tgħidha, bil-mod imma kontinwament. Taħseb xejn u timmaġina xejn, la spiritwali u lanqas ħaġ‘oħra. Xi ħsieb jew xena jiġuk, imma ħallihom jgħaddu. Kompli dawwar l-attenzjoni tiegħek - bl-umilta’ u s-sempliċita’ - ħalli tgħid il-kelma, mill-bidu sat-tmiem tal-meditazzjoni tiegħek.
Wara l-Meditazzjoni..
Wara l-Meditazzjoni, mill-kitba ta’ Eckhart Tolle: A NEW EARTH: Awakening to Your Life’s Purpose (New York: Plume ġPenguinħ, 2005) p. 141.
Nistgħu nitgħallmu nkissru d-drawwa li nġemmgħu u nirrepetu emozzjonijiet antiki, billi niftħu ġwenħajna, u ninqatgħu mill-għixien fil-passat, kemm jekk hu l-bieraħ u kemm jekk hu tletin sena ilu. Nistgħu nitgħallmu ma nħallu l-ebda sitwazzjoni jew ġrajja ħajja fina, imma ndawru l-attenzjoni lejn il-mument ġdid u li ma jintemmx ta’ issa, mingħajr ma ninqabdu f’filmati mentali. Il-Preżenza vera tagħna ssir l-identita’ tagħna, u mhux il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħna.
Ma ġara xejn fil-passat li jista’ jżommok milli tgħix fil-preżent issa, u jekk il-passat ma jistax iżommok milli tkun preżenti issa, x’qawwa għandu?






