Qari għall-Ġimgħa tat-28 ta' Frar, 2010 Meditation
“Meditation,” JESUS THE TEACHER WITHIN (New York: Continuum, 2000), pp. 212-213
Fid-diskors tal-muntanja, Ġesu’ jsemmi l-ħsibijiet fuq dak li hu materjali bħala l-għajn ewlenija tal-ansjeta’ tagħna. Kif se nkunu iktar komdi u nnaqqsu t-tbatija personali? Hija l-preokkupazzjoni l-kbira li ċċajpar il-mument ta’ issa u tħawwad il-prioritajiet tagħna.
Għalhekk ngħidilkom: La toqogħdux tħabbtu raskom għal ħajjitkom, x’sa tieklu u x’sa tixorbu, lanqas għal ġisimkom x’sa tilbsu. Il-ħajja ma tiswiex iktar mill-ikel, u l-ġisem iktar mill-ilbies? Mt 6 : 25
Meta jgħidilna biex ma ninkwetawx ruħna, Ġesu’ mhux qed jinsa r-realta’ tal-problemi ta’ kuljum. Qed jistedinna nwarrbu l-ansjeta’, mhux ir-realta’. Li titgħallem ma tinkwetax hi biċċa xogħol iebsa…(imma) minkejja n-nuqqas ta’ attenzjoni, il-moħħ modern għandu l-ħila naturali li jieqaf u jmur lil hinn mill-fissazzjonijiet tiegħu. Fil-profondita’, isib iċ-ċarezza interna fejn ikollu l-paċi, meħlus mill-ansjeta’. Ħafna minna għandhom xi nofs tużżana ansjetajiet favoriti, qishom ħelu morr li jsoffu fih bla heda. Kważi nibżgħu li ninħelsu minnhom. Ġesu’ jisfidana mmorru lil hinn mill-biża’ li nħallu l-ansjeta’, il-biża’ tal-paċi nnifisha. Il-prattika tal-meditazzjoni hija mod kif ngħixu t-tagħlim tiegħu fuq it-talb; tagħti prova mill-esperjenza li l-moħħ tal-bniedem kapaċi jagħżel li ma jinkwetax.
Dan ma jfissirx li nistgħu faċilment inbattlu moħħna u nwarrbu kull ħsieb x’ħin irridu. Fil-meditazzjoni nibqgħu distratti imma fl-istess waqt aħna meħlusin mid-distrazzjoni. Dan għaliex – anke jekk bil-mod- aħna ħielsa fejn inqiegħdu l-attenzjoni tagħna. Ftit ftit, id-dixxiplina tal-prattika ta’ kuljum tqawwi dil-liberta’. Dan ma jsirx fi ftit żmien. Nibqgħu distratti għal żmien twil. Malajr nidraw li d-distrazzjonijiet huma sħabna fit-triq tal-meditazzjoni. Imma ma għandhomx imexxuna. Li nibqgħu nagħżlu li llissnu l-mantra b’fedelta’ u nduru lejha kull meta jiġu d-distrazzjonijiet iħarriġna fil-liberta’ li nkunu attenti.
Mhix għażla bħal dik tas-supermarket. Hi l-għażla tal-impenn. It-triq tal-mantra hi att ta’ fidi, mhux moviment tal-qawwa tal-ego. F’kull att ta’ fidi hemm dikjarazzjoni ta’ mħabba. Il-fidi tħejji l-art fejn iż-żerriegħa tal-mantra tista’ tieħu l-ħajja fl-imħabba. Ma noħolqux il-miraklu tal-ħajja u l-maturita’ bil-ħila tagħna, imma aħna responsabbli għall-iżvilupp tiegħu. Il-paċi tal-moħħ u l-qalb – is-skiet, il-waqfien, is-sempliċita’ – ma tiġix mir-rieda ta’ xi ħadd kapaċi, imma mill-attenzjoni bla kundizzjoni, il-fedelta’ kontinwa tad-dixxiplu.
Immedita għal 30 minuta. ...
Ftakar: Oqgħod bilqiegħda. Ibqa’ dritt u tiċċaqlaqx. Agħlaq għajnejk. Żomm ruħek rilassat mingħajr telqa. Fis-skiet, f’qalbek, ibda lissen kelma waħda. Nirrakkomandaw it-talba-frażi “Maranatha”. Għidha bħala erba’ sillabi ndaqs. Ismagħha int u tgħidha, bil-mod imma kontinwament. Taħseb xejn u timmaġina xejn, la spiritwali u lanqas ħaġ‘oħra. Xi ħsieb jew xena jiġuk, imma ħallihom jgħaddu. Kompli dawwar l-attenzjoni tiegħek - bl-umilta’ u s-sempliċita’ - ħalli tgħid il-kelma, mill-bidu sat-tmiem tal-meditazzjoni tiegħek.
Wara l-Meditazzjoni..
Simone Weil, “Forms of the Implicit Love of God,” WAITING ON GOD (London: Fount/HarperCollins, 1972), pp. 91-92
Hemm mod wieħed biss kif dejjem nirċievu dak li hu tajjeb. Huwa li nagħrfu, b’ruħna kollha u mhux b’mod astratt, li dawk il-bnedmin li mhumiex immexxija mill-imħabba safja, huma sempliċement roti fl-ingranaġġ tad-dinja, bħal materjal bla ħajja.Wara dan nagħrfu li kollox huwa ġej minn Alla direttament. … Kull ma jkattar fina l-enerġija tal-għixien huwa qisu l-ħobż li tiegħu Kristu jrodd ħajr. Id-daqqiet, il-ġrieħi u l-ħsarat kollha qishom ġebla mitfugħa lejna mill-idejn ta’ Kristu. Il-ħobż u l-ġebel jiġu t-tnejn minn Kristu u, huma u deħlin fil-ġewwieni tagħna, idaħħlu lil Kristu fina. Il-ħobż u l-ġebel huma mħabba. Jeħtiġilna nieklu l-ħobż u ninfetħu għall-ġebla, ħalli tista’ tidħol sewwa fil-laħam il-ħaj. Jekk għandna xi armatura li tiflaħ tipproteġi lil ruħna mill-ġebel li jitfgħalna Kristu, għandna ninżgħuha u nwarrbuha.






