John Main OSBQari għall-Ġimgħa tas-7 ta’ Marzu, 2010
"Space to Be"
“Space to Be,” MOMENT OF CHRIST (New York: Continuum, 1998), pp. 92-93

Jekk irridu nagħrfu lilna nfusna, jekk irridu nifhmu lilna nfusna u sabiex…ikollna viżjoni tajba tagħna nfusna u tal-problemi tagħna, għandna bżonn nidħlu f’kuntatt mal-Ispirtu tagħna. Kull għarfien personali joħroġ mill-għarfien tagħna nfusna bħala kreaturi spiritwali. Huwa biss fil-kuntatt mal-Ispirtu s-Santu universali li nistgħu nsibu l-wisa’ u l-fond tal-għarfien…Il-mixja lejn dan kollu mhix iebsa. Hija tassew sempliċi. Pero’ teħtieġ impenn serju…

Ir-rivelazzjoni tal-għaġeb li lkoll nistgħu niskopru, jekk nibdew din il-mixja b’dixxiplina, hija li l-ispirtu tagħna għandu l-għeruq tiegħu f’Alla, u li lkoll għandna destin, tifsira u importanza eterni. Din hi l-iskoperta’ ewlenija li jeħtiġilna nagħmlu, li n-natura tagħna għandha qawwa infinita biex tiżviluppa ruħha u li dan l-iżvilupp jista’ jseħħ jekk naqbdu din il-mixja lejn iċ-ċentru tagħna… Huwa biss hemmhekk, fil-profondita’ tal-eżistenza tagħna, li nistgħu nagħrfu li l-għeruq tagħna qegħdin f’Alla. Il-meditazzjoni hija l-mod kif nidħlu f’kuntatt mal-ispirtu tagħna u b’hekk insibu t-triq tal-integrazzjoni, fejn kulma jidħol fl-esperjenza tagħna jkun f’armonija, fejn dak kollu li ngħaddu minnu jkun iġġudikat u mkejjel fid-dawl t’Alla.

It-triq tal-meditazzjoni hi tabilħaqq sempliċi. Kulma rridu nagħmlu hu li nikkwitaw ‘il ġisimna u lil ruħna kemm nistgħu... Li titgħallem timmedita jfisser titgħallem tħalli warajk ħsibijietek, l-ideat tiegħek, l-immaġinazzjoni tiegħek u tistrieħ fil-profondita’ tal-eżistenza tiegħek. Żomm dan kollu dejjem quddiem għajnejk. Taħseb xejn, tuża l-ebda kelma ħlief il-kelma tiegħek, timmaġina xejn. Lissen, għid il-kelma fil-qalba tal-ispirtu tiegħek u ismagħha. Ikkonċentra fuqha l-attenzjoni kollha tiegħek.

Għaliex għandu daqshekk qawwa dan kollu? L-iktar, għax jagħtina l-ispazju li l-ispirtu tagħna għandu bżonn biex ikun jista’ jieħu n-nifs. Jagħtina spazju fejn nistgħu nkunu dak li aħna. Meta tkun qed timmedita m’għandekx għalfejn tiskuża jew tiġġustifika lilek innifsek. Kun dak li inti, ilqa’ minn idejn Alla r-rigal tiegħek innifsek. U f’dik l-aċċettazzjoni tiegħek innifsek u tal-ħolqien tiegħek, tidħol f’armonija mal-Ħallieq, ... mal-Ispirtu ta’ Alla.

Immedita għal 30 minuta. ...

Ftakar: Oqgħod bilqiegħda. Ibqa’ dritt u tiċċaqlaqx. Agħlaq għajnejk. Żomm ruħek rilassat mingħajr telqa. Fis-skiet, f’qalbek, ibda lissen kelma waħda. Nirrakkomandaw it-talba-frażi “Maranatha”. Għidha bħala erba’ sillabi ndaqs. Ismagħha int u tgħidha, bil-mod imma kontinwament. Taħseb xejn u timmaġina xejn, la spiritwali u lanqas ħaġ‘oħra. Xi ħsieb jew xena jiġuk, imma ħallihom jgħaddu. Kompli dawwar l-attenzjoni tiegħek - bl-umilta’ u s-sempliċita’ - ħalli tgħid il-kelma, mill-bidu sat-tmiem tal-meditazzjoni tiegħek.

Wara l-Meditazzjoni..

Theodore Roethke, “The Rose,” COLLECTED POEMS (New York: Doubleday, 1966), p. 20

Ħdejn dil-warda, f’dal-ġnien maħruq bix-xemx u r-riħ
Qalb siġar nofshom mejta, sibt lili nnifsi.
Qisu xi ħadd qam mill-ġewwieni tiegħi,
U waqaft quddiemi stess,
Lil hinn mit-tiswir u l-qerda,
Bħal ħaġa barranija,
Qisni mxejjer fuq l-eħrex mewġa,
Imma fil-kwiet.
U fraħt bija nnifsi…

Qari tal-Ġimgħa ta' Qabel

WCCM Malta
Talba
Gheruq tal-Meditazjoni
Kif Timmedita
Qari tal-Gimgha
Centru tal-Meditazzjoni
Avvenimenti
Ikkuntatjana
Sit Internazzjonali