Metodu suġġerit:
Poġġi bilqieghda. Tiċċaqlaqx u oqgħod dritt/a. Agħlaq għajnejk bil-mod. Oqgħod komdu/a izda attent/a. Fis-skiet, internament, ibda għid xi kelma li tixtieq. Nissuġġerilek it-talba ‘Maranatà’. Għidha bħala erba’ sillabi ta’ l-istess tul. Isma’ l-kelma inti u tgħidha bil-mod imma bla waqfien. Toqgħodx taħseb jew timmaġina ħwejjeġ ta’ natura spiritwali jew oħra. Jekk jiġuk f’moħħok ħsibijiet jew xeni, dawn huma ta’ distrazzjoni waqt il-meditazzjoni, għalhekk erġa’ aħseb fuq il-kelma li tkun qed tgħid. Immedita kull filgħodu u kull filgħaxija għal madwar għoxrin jew tletin minuta.
Talba tal-bidu
Missier tas-Sema, iftħilna qlubna għall-prezenza silenzjuza ta’ l-Ispirtu ta’ Ibnek. Mexxina lejn dak is-skiet misterjuz fejn imħabbtek tintwera lil kull min jitlobha. Maranatà... . Ejja, Mulej Ġesù.
Talb ta’ l-għeluq
Jalla dan il-grupp ikun dar spiritwali għal min qed ifittex, ħabib għal min hu waħdu, gwida għal min hu konfuz.
Jalla dawk li jitolbu hawnhekk ikunu msaħħin mill-Ispirtu s-Santu sabiex jaqdu lil kulmin jiltaqgħu miegħu bħallikieku kien Kristu nnifsu. Fis-skiet ta’ dan il-post, jalla t-tbatija, il-vjolenza u t-taħwid tad-dinja jiltaqgħu mal-qawwa li tfarraġ, iġġedded u ssaħħaħ l-ispirtu tal-bniedem.
Jalla dan is-silenzju jkun il-qawwa li tiftaħ il-qlub tal-bnedmin għall-vizjoni ta’ Alla, u hekk għal xulxin, fl-imħabba u l-paċi, fil-ġustizzja u d-dinjita’ umana. Jalla l-ġmiel tal-ħajja Divina jimla lil dan il-grupp u l-qlub ta’ dawk kollha li jitolbu hawn b’tama ferrieħa.
Jalla kull min jiġi hawnhekk imtaqqal bil-problemi ta’ l-umanita’, iħalli dan il-post b’sens ta’ radd il-ħajr għall-ġmiel tal-ħajja umana. Dan nitolbuh permezz ta’ Kristu Sidna. Amen






